MDIA Logo - Malta Digital Innovation Authority Logo

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET Inwettqu Flimkien: Summer School u Summer Camp b’tema teknoloġika għas-sajf li ġej

MDIA Future Innovators Summer School

Share This Post

Matul is-sajf li ġej se jiġu organizzati Summer School u Summer Camp fejn l-istudenti se jkunu qegħdin jitgħallmu b’mod interattiv prinċipji importanti fit-teknoloġija innovattiva. Dan ħabbru l-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri.
Is-Summer School, bl-isem ta’ “Future Innovators”, se tinżamm fl-MCAST f’Raħal Ġdid bejn Lulju u Settembru, għall-istudenti ta’ bejn it-13 u l-15-il sena. Fost oħrajn se tgħin lill-istudenti fl-abbiltajiet tagħhom kreattivi fejn jidħlu intelliġenza artifiċjali u innovazzjoni diġitali u se jitgħallmu fost oħrajn fuq coding, blockchain, metaverse, 3D printing u cybersecurity.
Is-Summer Camp, xPloring Intelligence – a Bootcamp on Us and Tech, se jinżamm fil-Fakultà tal-ICT fl-Università ta’ Malta, bejn il-11 u l-15 ta’ Settembru, għall-istudenti ta’ bejn is-7 sena u d-9 sena skolastika. Dan is-Summer Camp se jkun immirat biex iħajjar lill-istudenti jagħżlu suġġetti relatati mat-teknoloġija.
It-teknoloġija u d-dinja diġitali huma l-futur.
Illum ġie mniedi wkoll comic li se jitqassam lill-istudenti kollha mid-9 sal-11-il sena skolastika u li għandhom suġġetti ta’ Computing jew VET IT, fl-iskejjel Maltin u Għawdxin kollha.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri rringrazzja lit-tliet entitajiet fi ħdan il-Ministeru; l-MDIA, Tech.mt u eSkills li ħadmu flimkien fuq dawn l-inizjattivi, kif ukoll lill-MCAST u l-Università ta’ Malta. “Dan huwa l-mod li nwettqu flimkien għal ġid ta’ pajjiżna u ta’ uliedna. Nafu li t-teknoloġija u d-dinja diġitali huma l-futur u b’dawn l-inizjattivi qed inrawwmu l-passjoni għal dawn ix-xjenzi f’uliedna,” qal il-Ministru Schembri.
Il-Ministru Schembri għamel referenza wkoll għal-liġi fl-assi finanzjarji virtwali (blockchain, crypto currency) magħrufa bħala MiCA li fl-aħħar ġranet ġiet addottata mill-Unjoni Ewropea. “F’dan il-qasam Malta kienet l-ewwel ġurisdizzjoni li għamlet qafas regolatorju fuq l-assi virtwali. Ħafna dak iż-żmien ma fehmux l-importanza ta’ din il-liġi, imma llum pajjiżna huwa mudell ta’ kif din il-liġi titħaddem fil-prattika. Illum għandna sitt snin vantaġġ fuq pajjiżi oħra, li jagħmilna leaders fil-qasam,” qal il-Ministru Silvio Schembri.
“It-teknoloġija innovattiva qiegħda tbiddel il-mod kif naħdmu u noperaw.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ MDIA Kenneth Brincat qal li: “It-teknoloġija innovattiva qiegħda tbiddel il-mod kif naħdmu u noperaw u l-interess tal-MDIA hu li t-teknoloġija tiġi adottata b’mod sigur għall-benefiċċju tas-soċjetà. Biex dan jitwettaq irridu nibdew minn età bikrija. Bħala MDIA nemmnu li permezz ta’ kollaborazzjoni nistgħu nsibu modi ġodda kif it-tfal u żgħażagħ jitrawwmu fl-użu tat-teknoloġija innovattiva b’mod sigur,” qal is-Sur Brincat.
Aktar informazzjoni fuq dawn l-inizjattivi tista’ tinkiseb minn:

Subscribe To Our Newsletter

Get updates and learn from the best